Stqarrija għall-Midja – 28 ta’ April 2017

Il-Moviment Patrijotti Maltin jinnota li skont kif indika sit ta’ ġurnal lokali, il-kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ġie kkwotat li qal li ma jagħmilx “ftehim ma’ partiti li għandhom ħsibijiet razzisti u xenofobiċi”. Peress li l-istess Partit Nazzjonalista diġà wasal għal ftehim mal-Partit Demokratiku u qiegħed f’nofs negozjati mal-Alternattiva Demokratika filwaqt li ammetta li t-tali koalizzjoni qiegħda tiġi proposta sabiex “ineħħu lill-Partit Laburista”, allura wieħed ma jibqalux dubju li kliemu huma indirizzati biss lejn l-istess MPM, li huwa l-uniku partit ieħor reġistrat li jifdal għajr dawn l-erbgħa diġà msemmija.

Għalhekk b’riferenza għall-kliem ta’ Dr. Busuttil, l-MPM ifakkar li l-Partit li dan wiret erba snin ilu, kien xibka ta’ ħażen u korruzzjoni li ma jidhirx li tneħħiet. Inħeġġu wkoll lil Dr. Busuttil biex jissostanzja kliemu bi provi ċari u konkreti fil-konfront tal-MPM qabel ma jinħela f’allegazzjonijiet mhux sostanzjati u bla bażi.

Għaldaqstant, il-Moviment Patrijotti Maltin jixtieq jagħmilha ċara li:

1. L-MPM la huwa partit razzista u wisq anqas xenofobiku u huwa sempliċiment jisħaq li dħul ta’ barranin f’pajjiżna għandu jiġi kkontrollat b’legalità u għandna naċċettaw li ndaħħlu f’pajjiżna biss lil min hu veru refuġjat.

2. L-MPM jiċċara li xenofobiċi huma dawk li tant jibżgħu mill-barrani li saħansitra lesti li joqogħdu għal kull ma jgħidulhom u jikkmandawhom tali barranin anki akkost li jbatu l-konsegwenzi pajjiżna u l-poplu Malti.

3. Fl-aħħarnett, nixtiequ niċċaraw li lanqas li kieku Simon Busuttil jew ħaddieħor juri xi interess li jiftħu negozjati b’xi skop ta’ koalizzjoni mal-MPM, il-Moviment ifakkar li twaqqaf sabiex jagħti vuċi lill-Maltin veru ta’ rieda tajba u l-ebda offerta ta’ siġġu fil-Parlament ma hi se ddawwar il-prinċipji tagħna.

Il-Moviment Patrijotti Maltin konvint li l-poplu Malti jistħoqqlu aħjar minn hekk u proprju għalhekk ser jikkontesta l-Elezzjoni Ġenerali waħdu ħalli l-elettorat ikollu l-opportunità li jagħżel jew ma jagħżilx lil dan il-Moviment, in vista tal-iżviluppi drammatiċi f’art twelidna u l-miżbla ta’ ħmieġ u korruzzjoni li tista’ minn mument għall-ieħor tordom lill-pajjiżna darba għall-dejjem.

Għaldaqstant l-MPM jixiteq jiċċara mal-partiti kollha li bħalissa donnhom kollha jinsabu fi stat ta’ paniku, li l-valuri li jsostni l-Moviment m’humiex għall-bejgħ.

Onestà u Ħsieb Ħieles

Henry Battistino – Mexxej MPM

Comments are closed