Min Aħna

Protesta tal-Għaqda ġewwa l-belt.

Il-Moviment Patrijotti Maltin huwa l-fergħa politika tal-Għaqda Patrijotti Maltin u għaldaqstant għandu rabta speċjali ma’ din l-Għaqda kif spjegat aktar ’l-isfel.

L-Għaqda Patrijotti Maltin twaqqfet fl-2013 kważi b’mod spontanju wara protesta kontra l-immigrazzjoni illegali. Kien Alex Pisani li kien ħa l-inizjattiva jgħaqqad dan il-grupp ta’ nies bl-istess ideat u prinċipji. Fuq kollox nies li spiċċaw diżillużi miż-żewġ partiti ewlenin li dawru fehmithom u spiċċaw jiffavorixxu l-immigrazzjoni rregolari kontra x-xewqa tal-maġġoranza tal-poplu ta’ dawn il-gżejjer.

Inizjalment l-iskop tal-Għaqda kien li sservi ta’ pressure group sabiex tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet iżda meta beda jidher ċar li kemm il-Gvern u l-Oppożizzjoni, kemm l-Ewro Parlamentari kollha u kif ukoll il-partiti politiċi kollha kienu ta’ fehma waħda u aktar u aktar donnhom kienu deċiżi li jsostnu l-pożizzjoni tagħhom favur l-immigrazzjoni rregolari, allura l-Għaqda ħasset li ma kienx baqgħalha triq oħra ħlief li twaqqaf partit politiku. Kien għalhekk illi fit-8 ta’ April 2016, l-Għaqda waqqfet uffiċjalment il-Moviment Patrijotti Maltin wara li kienet diġà iffurmat statut u ppreżentat l-applikazzjoni tagħha lill-Kummissjoni Elettorali.

Il-Moviment Patrijotti Maltin huwa organizzazzjoni politika li tiġbor fiha persuni bi ħsieb progressiv, imsejjes fuq prinċipji demokratiċi, li jaħdem għal soċjetà inklussiva li tipprovdi xogħol għal kulħadd, isseħħ il-ġustizzja soċjali u li s-saħħa tal-istess soċjetà, titkejjel mill-progress ta’ dawk l-iktar dgħajfa fost il-membri tagħha.

Il-Moviment Patrijotti Maltin jemmen u jesiġi li filwaqt li għandu jinżamm rispett sħiħ tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem kif minquxa fil-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem u li kull individwu u s-soċjetà jkollhom l-opportunitajiet indaqs u meħtiega fl-oqsma tax-xogħol u tal-edukazzjoni biex jirnexxu u jagħmlu suċċess, dan m’għandu qatt ikun askapitu jew ta’ detriment la għaċ-ċittadin Malti u lanqas għad-detriment tal-kultura, patrimonju, ilsien, użanzi, twemmin u tradizzjonijiet Maltin u ta’ dak kollu li jagħti lill-gżiritna u l-poplu tagħna l-identità Maltija.

Comments are closed